Simon Spiteri huwa ċ-champion nazzjonali l-ġdid tar-road running wara li fl-aħħar tellieqa minn sitta, li saret f’Ta’ Qali, huwa temm fit-tieni post, hekk kif kien Dillon Cassar li kiseb unur ieħor għalih meta rebaħ din it-tellieqa ta’ 5km, li serviet ukoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali fuq id-distanza.
Cassar ta’ Mellieħa AC tela’ fuq l-ogħla post tal-podju b’ħin ta’ 14:48, it-tieni rebħa għalih dan l-istaġun, ħames sekondi quddiem Spiteri (St Patrick’s) u Gabriel Farrugia (Evolve EC) li temm it-tielet b’14:55. Dan ir-riżultat jikkonferma staġun mill-aqwa għal Spiteri li b’hekk rebaħ it-titlu nazzjonali kif ukoll il-kampjonat tal-10km. Fil-klassifika ġenerali, Aidan Tanti u Charlton Debono (Evolve) spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Fost in-nisa, Lisa Bezzina għamlithom sitta minn sitta biex b’hekk żiedet titlu ieħor fil-kollezzjoni personali tagħha, hekk kif allura rebħet mhux biss it-titlu nazzjonali tar-road running iżda wkoll il-kampjonati tal-5km u 10km. F’Ta’ Qali, ħin ta’ 18:03 kien biżżejjed għal din l-atleta ta’ Pembroke biex terġa’ tispiċċa fl-ewwel post, quddiem Rosalie Borg, ta’ Pembroke wkoll, li b’ħin ta’ 18:34 ikkonfermat it-tieni post anke fil-klassifika ġenerali. L-atleta ta’ Libertas Monalisa Camilleri spiċċat it-tielet b’ħin ta’ 18:49. Madankollu kienet Josann Attard Pulis ta’ Blaze SC li spiċċat it-tielet fil-klassifika ġenerali tas-Serje.
Il-5km f’Ta’ Qali serviet ukoll biex iġġib fi tmiemu l-Kampjonat tal-Klabbs. Filwaqt li n-nisa ta’ Pembroke rebħu din il-kategorija billi ddominaw mill-bidu sal-aħħar, kollox kien għadu miftuħ fost l-irġiel.
Minkejja li r-rebħa ta’ Dillon Cassar provdiet punti importanti għal Mellieħa AC, finalment kienu Evolve Endurance Club li rnexxilhom jiddefendu b’suċċess it-titlu miksub is-sena li għaddiet, grazzi għal prestazzjonijiet konsistenti ta’ Gabriel Farrugia, Aidan Tanti and Charlton Debono.



(Photo Credit: James Azzopardi)