Il-Kuntistabbli Simon Schembri mistenni jinħatar Surġent tal-Pulizija. Kien f’nofs Mejju li għadda li Schembri spiċċa mkaxxkar mal-400 metru allegatament minn żagħżugħ ta’ 17-il sena, Liam Debono, waqt li kien qed jaqdi dmirijietu bħala Pulizija tat-Traffiku.
Ix-xahar li għadda Simon Schembri ngħata Ġieħ ir-Reppublika għas-servizz tiegħu għal pajjiż, u anke għax minkejja d-diffikultajiet li għadda minnhom huwa waqqaf fondazzjoni ‘Simon Schembri Blue Light Foundation’ bil-għan li tgħin uffiċjali ta’ Korpi Dixxiplinati li jgħaddu minn mumenti diffiċli.
Fl-aħħar siegħat tħabbar kif nhar il-21 ta’ Jannar il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Lawrence Cutajar mistenni jonoraw lil Schembri bi promozzjoni għal grad ta’ Surġent, dan ukoll wara li aktar kmieni dan ix-xahar ingħata r-rikonoximent bħala l-Uffiċjal tas-Sena.
Intqal kif dan ser jiġri hekk kif Schembri iddistingwa ruħu b’mod impekkabli tul il-karriera tiegħu, u huwa eżempju ħaj ta’ kemm karriera tista’ tkun glorjuża mingħajr ma tilħaq fl-ogħla gradi tad-Dipartiment li taħdem fih.