Il-Kuntistabbli Simon Schembri għażel li ma jweġibx meta mistoqsi jekk ħafirx lil Liam Debono li jinsab mixli bl-attentat fuq ħajtu.
Huwa ġie mistoqsi dan mill-Avukat tal-akkużat Franco Debono, meta t-Tlieta filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Liam Debono, u li fiha xehed għat-tieni darba l-Kuntistabbli Schembri.
Huwa reġa’ tela’ fuq il-pedana tax-xhieda fuq talba tad-difiża, wara li l-Ġimgħa li għadda Schembri ressaq rikors fil-qorti biex iwaqqaf intervista lil Liam Debono ta lill-programm Xarabank.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Schembri qal li hu ġie avviċinat mill-Ispettur Herman Mula biex imur fuq il-programm Xarabank fuq talba tal-preżentatur Peppi Azzopardi. Qal li għall-bidu ma xtaqx imur, iżda aċċetta l-istedina għax is-suġġett kellu jkun l-għaqda fil-familja, u kien hemm qbil bejn il-partijiet li ma jisemmiex il-każ la darba għadu l-Qorti.
Madankollu, l-għada wasslitlu telefonata mingħand l-Ispettur Herman Mula, li għarrfu li Xarabank ikkuntatjah biex jgħidulu li l-Ġimgħa kienet se tixxandar intervista ma’ Liam Debono.
Schembri qal li din l-aħbar ħadha bi kbira, aktar u aktar meta Peppi Azzopardi ma semmielu xejn dwarha f’laqgħa ta’ tliet sigħat li kellu miegħu f’daru. Kien hawn li ddeċieda li jirrifjuta l-istedina ta’ Xarabank.
F’din il-laqgħa Schembri xehed li Peppi Azzopardi staqsih jekk ħafirx lil Liam Debono u qallu li jekk irrid jista’ ma jweġibx. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-Kuntistabbli Schembri qal ir-‘recording’ tal-programm kellu jkun il-Ħadd waranofsinhar, u għamilha ċara li kien sejjer bħala ċittadin. Fil-kontro-eżami l-Avukat Franco Debono qal li ma għandux għalfejn ikompli jistaqsi lill-Kuntistabbli Schembri, la darba qal li hu rrifjuta l-istedina meta sar jaf li se tintwera intervista ma’ Debono fil-programm ta’ qabel.
Fil-ftit minuti li Schembri għamel jixhed, l-akkużat beda jħares fiss lejn Schembri u deher isegwi b’attenzjoni kull kelma li qal il-kuntisabbli.