Il-Pulizija Simon Schembri reġa’ żamm fi driegħu lil Julian Cassar. It-tifel ta’ ħames snin li lura f’Ġunju tal-2013 twieled bis-saħħa ta’ ġest erojku tiegħu.
Dan hekk kif fis-26 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, daħalet telefonata b’sejħa għall-għajnuna minn raġel li kien maqbud fit-traffiku f’Ħal Luqa bis-sejħa ssir għax martu kienet waslet biex twelled. Ġara li fiż-żona kien hemm tliet Pulizija, b’Schembri kien dak li kien qed isuq il-karozza, wasslu lill-koppja l-isptar fil-ħin.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-paġna Simon Schembri Blue Light Foundation spjegat kif il-familja Cassar stiednu f’darhom lill-fundatur tal-fondazzjoni u lill-mara tiegħu Moira Schembri fejn saħansitra anke ħasbu biex jagħmlu ġabra b’donazzjoni sabiħa għall-istess fondazzjoni.
Huma rringrazzjaw lill-familja Cassar ta’ dan il-ġest sabiħ.
Lura f’Mejju ta’ din is-sena, il-Pulizija Simon Schembri, waqt li kien qed jaqdi dmirijietu, ttajjar minn vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena – liema żagħżugħ qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Schembri.