Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ordnat lill-programm Xarabank biex ma jxandarx intervisti ma’ Liam Debono li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri.
Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Mifsud iddikjara li l-anqas għandha tixxandar intervista mal-kuntistabbli Simon Schembri. F’digriet li analizza r-rikorsi li kellha quddiemha, il-Qorti intqal li m’għandux ikun hemm ġuri fil-midja. Innota li dan jista’ jinfluwenza l-ġurati li għad iridu jintgħażlu u l-verdett tagħha f’każ li l-akkużat jgħaddi minn ġuri.
Kompla jingħad li sakemm il-każ ikun deċiż m’għandux ikun hemm xandir ta’ intervisti biex ma jkunx hemm rintraċċ tas-sistema ġudizzjarja u l-imputat ikollu smigħ xieraq kif suppost. L-ordni ntbagħtet lill-produtturi ta’ Xarabank u l-ogħla uffiċjali tal-PBS.
Kienu l-avukati ta’ Simon Schembri, il-kuntistabbli vittma ta’ każ fejn żagħżugħ saq għal fuqu, li ressqu rikors quddiem il-Qorti bil-għan li jingħataw ordnijiet dwar Xarabank li kellu ppjanata intervista mal-akkużat Liam Debono. L-avukati ta’ Schembri qalu li dan hu eżerċizzju ta’ pubbliċità nieqes mill-etika.
Iktar minn hekk, ilmentaw ukoll li din hi intervista rrekordjata u mmuntata, u għalhekk faċilment ikun hemm intraċċ tal-ġustizzja hekk kif il-ġurati jistgħu jkunu influwenzati. Jirriżulta li meta sar jaf b’dan, Schembri ħassar ftehim li kellu mal-produtturi ta’ Xarabank għal stedina li kellu għall-ġimgħa d-dieħla.
F’rikors imressaq mill-Avukati Parte Civile ta’ Simon Schembri, jingħad li l-Pulizija taqbel mal-Avukati ta’ Schembri, għax fost oħrajn l-intervista kienet tikser id-drittijiet fundamentali tal-vittma u tmur kontra l-proċeduri tal-Qorti. L-istess għamel l-Avukat Ġenerali.
Ir-rikors ġie ppreżentat mill-Avukati Andy Ellul u Arthur Azzopardi.