“Aħna ħlifna solennement li nkunu tassew fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. Dan m’għandu jinbidel qatt, speċjalment f’mumenti meta tkun tixtieq l -għajnuna u dik l-għajnuna ma ssibiex. F’mumenti fejn tħoss illi dak li għamilt m’huwiex apprezzat u stmat.”
Dan kien il-messaġġ li kiteb il-Kuntistabbli Simon Schembri f’ittra indirizzata lill-membri tal-Korp tal-Pulizija b’reazzjoni għall-ħelsien mill-arrest ta’ Liam Debono. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Schembri.
Fl-ittra hu kiteb kif dawn il-mumenti diffiċli m’għandhomx ikunu mumenti li fihom taqta’ qalbek, iżda għandhom ikunu bil-kontra, għandhom ikunu mumenti li jispirawk sabiex taħdem aktar għall-ġid tas-soċjetà.
Temm billi qal “qatt taqta’ qalbek, bħal kif jien ma qtajtx qalbi, u fuq kollox qatt tinsa li aħna l-gwardjani tas-soċjetà, fit-tajjeb u fil-ħażen.”