Sejjaħlu tarka tan-Nazzjonalisti, u xejjru b’ċertu pjaċir iż-Żejtun. Iżda l-Kap tal-PN kellu jisfa’ kkoreġut fuq din ukoll.
Fil-fatt, maħniex ċerti kemm ser iżomm mal-wegħda li jwaħħlu fl-uffiċċju tiegħu biex jiftakar fin-Nazzjonalisti, issa li ħareġ li mitt sena ilu, l-emblema fuq il-maktur li xejjer ma kienitx teżisti.
Mitt sena ilu kien l-1916. L-emblema tal-Partit Nazzjonalista magħrufa bħala “il-Maduma”, li xejjer Busuttil, kienet iddisinjata minn Vincenzo Bonello fl-1927 u żżanżet għall-elezzjoni ta’ dik is-sena.
L-1927 hija data li kkonfermaha f’kitba fit-Times Victor Ragonesi – li fi zmien kien l-id il-leminijia ta’ George Borg Olivier u eks Segretarju Generali tal-Partit Nazzjonalista.
Allura l-maktur ta’ Simon, kif seta eżista fl-1916? Mistoqsija li Simon biss jista’ jweġibha, jew forsi l-mara li qal li xtaqitu jkun il werriet tiegħu.
Ejja nghidu li l-emblema fuq il-maktur kienet disinjata mal-holqien taghha fl-1927. Dak kien żmien meta l-proċess ta’ stampar fuq id-drapp kien jinvolvi l-użu ta’ stencils. Kien aktar lejn nofs l-istess seklu, meta bdew jintużaw metodi aktar ekonomiċi u ta’ ħeffa.
Infatti iben id-disinjatur tal-emblema l-Imħallef Emeritu Giovanno Bonello, fl-ewwel volum tas-sensiela Histories of Malta, kiteb li l-maktur stampat fuq il-ħarir tal-Partit Nazzjonalista kien intuża f’xi żmien bejn l-1938 u l-1940.
Lil hinn mill-misteru ta’ kemm għandu żmien il-maktur. Hemm min jgħid li l-ħafna iswed fl-isfond ifakkar f’ammirazzjoni lejn Benito Mussolini, u żmien iswed ta’ faxxiżmu.
Infatti l-kulur blu, li jidher fil-maktur ta’ Busuttil, daħal fil-“Maduma” ferm iktar tard, biex itaffu l-isfond iswed tal-emblema.