Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal li se jagħżel lil Malta. Però fl-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali għażel lir-Russa akkużata bi frodi u akkużi foloż fil-konfront tal-pulizija.
Fl-ewwel 24 siegħa tal-kampanja elettorali Simon Busuttil tkellem biss dwar Egrant u l-gidba fil-konfront tal-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Wara ġimgħa ma jressaq ebda prova u jevita s-suġġett, meta mistoqsi hux se jirriżenja jekk jirriżulta li gideb fil-konfront tal-Prim Ministru, Busuttil reġa’ uża r-rally biex jirrepeti l-akkuża li Egrant hi ta’ Michelle Muscat. Dan bit-tama li kulħadd, inkluż il-Partit Laburista, jerġa’ jibda jitkellem dwar din il-mara.
Simon Busuttil għamel dan bit-tama li jerġa’ jieħu d-diskussjoni f’dik id-direzzjoni, għaliex dwar Malta li qal li se jagħżel, m’għandu xejn xi jgħid. Għal Malta, ftit li xejn għandu x’jipproponi.
X’kuntrast mal-Prim Ministru li mal-ewwel battuti tal-kampanja elettorali ġab fix-xejn il-kampanja li qed tipprova tibni l-media tal-PN li l-Prim Ministru jinsab f’xi tip ta’ kriżi.
Min ikollu ħames proposti bħal dawk imħabbra t-Tlieta filgħodu mhux f’paniku jkun iżda f’serenità. Seren għax il-pajjiż għandu tkabbir ekonomiku b’saħħtu li fuqu jista’ jibni l-proposti tiegħu. Għax il-pajjiż ġablu surplus jista’ jgħid li se jnaqqas it-taxxa u jżid il-pensjonijiet. Għax id-defiċit ta’ żmien Gonzi/Busuttil spiċċa, Joseph Muscat seta’ jwieġħed investiment bla preċedent fit-toroq u ideat innovattivi biex iktar nies isiru sidien ta’ djarhom.
U fuq kollox għax il-pajjiż għandu rata ta’ nies jaħdmu bla preċedent u investiment qawwi, il-Gvern jista’ jagħti lura l-festi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.
JosephMuscat għażel lil Malta u iktar minn hekk għażel lill-poplu Malti. Kif għamel erba’ snin ilu diġà għażel il-familji u l-middle class. Jekk il-familji u l-middle class ikunu f’sitwazzjoni b’saħħitha Malta tkun tajjeb għax huma s-sinsla tagħha. Mela biex nagħżel il-Malta, irrid ngħażel lil Joseph Muscat.
B’hekk jien għażilt Malta diġà. Simon Busuttil għażel lir-Russa.