Simon Busuttil tela’ Għawdex biex jgħid li se jkeċċi l-investituri Vitals, li wara snin ta’ abbandun totali, se jaħdmu id f’id mal-Gvern biex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex isir state of the art, u f’Għawdex issir skola medika mfittxija internazzjonalment.
Mistoqsi kemm se jżid sodod fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ladaraba jkeċċi l-investiment, ma setax jikkummenta. Lanqas kien jaf kemm se tiġi tiswa biex ikeċċi lil Vitals u jġib il-kuntratt fix-xejn. Insista li l-kuntratt tal-ftehim bejn il-Gvern u Vitals mhux ippubblikat, meta dan jinsab kollu kemm hu għand l-Awditur Ġenerali.
Busuttil insista li mhux qed isir xogħol infrastrutturali fuq l-isptar, iżda eżatt wara qal li hemm il-ħaddiema fil-containers. Jiġifieri konferma li hemm ix-xogħol għaddej.
F’Għawdex, Simon Busutil bilkemm semma l-għotja ta’ €10,000 li sa ftit ilu kien qed jgħid li se jagħti lil min imur jgħix Għawdex.
Simon Busuttil temm il-konferenza li ndirizza b’togħma negattiva għall-kollox, kuntrarju għal dak li qed jesprimu nies qrib tiegħu. Fosthom il-professur Albert Fenech, li mifni bl-attitudni negattiva ta’ Busuttil lejn l-investiment, ħareġ imerih pubblikament u rriżenja mir-rwol politiku.