L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien fost numru ta’ Deputati Nazzjonalisti li ma tħalliex jitkellem fil-Kunsill Ġenerali li organizza l-Partit Nazzjonalista tul il-ġimgha li għaddiet.
Kunsill Ġenerali li reġa’ kompla jikxef il-qasma u l-inkwiet intern li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Ħadd filgħodu, Simon Busuttil kien preżenti fis-sala tad-Dar Ċentrali jsegwi l-Kunsill Ġenerali, bil-kunsilliera Nazzjonalisti kienu qegħdin jistennew li minn ħin għal iehor, se jissemma’ isem Simon Busuttil, sabiex jitla’ jindirizza lill-kunsilliera. Iżda Simon Busuttil baqa’ ma indirizzax lill-kunsilliera Nazzjonalisti.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista tkellmu ma’ ONE News dwar kif il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia beda jibża’ jagħti opportunità lil Simon Busuttil sabiex jitkellem fil-Kunsill Ġenerali, minħabba l-biża’ li seta’ jitfa’ xi botta kontrih.
Busuttil kien minn tal-ewwel li waqt it-tiġrija għall-elezzjoni biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li Adrian Delia għandu jirtira mit-tiġrija. Dan meta l-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Adrian Delia mhux talli ma rtirax mit-tiġrija, talli lanqas talab investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet gravi u saħansitra rtira l-erba’ libelli li fetaħ lil Daphne Caruana Galizia f’anqas minn 24 siegħa wara li l-qtil tagħha.
Is-sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li Adrian Delia ppova jintgħoġob mal-fazzjoni ta’ Busuttil billi sejjes diskorsu b’ħafna repetizzjonijiet, karatteristika fid-diskorsi ta’ Simon Busuttil.
Fil-fatt Delia ffokka diskorsu fuq bosta allegazzjonijiet li qegħdin jiġu investigati u jattakka lill-Prim Ministru Joseph Muscat, liċ-Chief of Staff Keith Schemrbi u lill-Ministru Konrad Mizzi.
L-istess sorsi fil-Partit Nazzjonalsita sostnew li ċ-ċensura ma kinitx biss fil-konfront ta’ Simon Busuttil, iżda anke fil-konfront ta’ Deputati Nazzjonalisti bħal Therese Comodini Cachia, Marthese Portelli, Chris Said, Claudio Grech, Jason Azzopardi u Fredrick Azzopardi.
B’uħud minn dawn id-deputati l-Ħadd kienu preżenti jsegwu l-kunsill Ġenerali, fil-ġenb tas-sala, u fl-aħħar filliera bilqiegħda ħdejn Simon Busuttil.