Mhux se nintilef fuq Dr George Hyzler, għax twil wisq għal hawn, imma se jkun fl-Orizzont il-Ħamis li ġej.
Hawn jinteressani li nġib partijiet minn sentenza ta’ libell li Simon Busuttil kien għamel għax kien hemm allegazzjonijiet li ħa ħafna direct orders, meta hu fil-programm Xarabank tal-14 ta’ Marzu, 2014 kien saħaq li kollox kien sar mill-kumpanija li fiha kellu sehem wara sejħa għall-offerti.
Il-fatti suppost li kienu jkunu preċiżi li d-direct order u t-tender ħadithom kumpanija li fiha kien magħruf li Simon Busuttil kellu sehem ta’ 16.7%. Kif tkellem fuq il-programm kien juri li jaf sewwa x’għamlet il-kumpanija li fiha kellu sehem.
Il-Qorti, fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2017 (Avviż 99/14 FDP) kitbet hekk:
“ġiet ippubblikata ittra maħruġa mid-Direct Orders Section tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment intitolata, “Provision of technical assistance to the Managing Authority” illi kienet tgħid fost affarijiet oħra, “This Ministry, in terms and for the purpose of 2005 Public Contracts Regulations as amended, is granting approval to the Ministry for Resources and Rural Affairs to engage EUROPA Research and Consultancy Services to provide management and technical support to the Managing Authority within the Ministry for Resources and Rural Affairs for the cost of €52,000, excluding VAT, covering a period of 6 months, starting from 2nd February 2009.”
Jirriżulta, illi mill-provi kollha prodotti mill-intimat, skont id-Dipartiment tal-Kuntratti, li jikkunsidra l-kuntatti mogħtija b’tenders mill-Gvern, bejn is-sena 2000 u Ottubru 2015, is-soċjetà Europa Research & Consultancy Services Limited ingħatat tender wieħed fit-28 ta’ Settembru 2010, u dan flimkien ma’ tlett kumpaniji oħra, ta’ “Engineering Procurement Construction Managament Consultancy Services for Design, REIA, Contracting & Managing a Projecy for the Construction of a Mechanical and Biological Treatment Plant in the North of Malta“, liema tender kellu valur ta’ €1,984,173.40.
Meta saru dawn id-direct orders u t-tenders, lill-kumpanija li fiha kellu sehem Simon Busuttil, huwa kien MEP, għax kif tgħid is-sentenza tela’ fl-2004 u baqa’ sa nofs is-sena 2012.
Il-kumpanija li fiha kellu sehem ma kienitx opra ta’ karità, kienet hemm għall-qliegħ. Qliegħ mingħand il-Gvern f’dawn iż-żewġ każi. Imbagħad iqum u jgħid li MP jingħata nkarigu bil-miftuħ dnub!