Il-Ministru Owen Bonniċi u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellmu dwar il-fatt li John Zammit, wieħed mill-istrateġisti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, jitħallas permezz tal-iskema frodi minn fondi tal-Parlament Ewropew li jħaddem il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil.
Erba’ snin ilu ma kienx hemm liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi, fakkar il-Minsitru Bonnici. Sar proċess wiesa ta’ konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati bl-iktar mod miftuh. Il-PN kien qabel ma din il-liġi u ried livelli ikbar ta’ trasparenza. Kif għaddew ftit xhur, l-istess PN ħareġ skema ta’ self sigriet u mhux garantit ta’ ċedoli. Imbagħad kien hemm il każ DB – skema illegali bi ksur ta’ finanzjament tal-partit. Tad-DB intalbu jagħtu flus biex imorru għall-pagi ta’ nies l-ogħla karigi fil-PN.
Issa skandlu ieħor. Mhux biss żewġ uffiċjali jitħallsu minn tad-DB, imma l-paga ta’ John Zammit ġejja minn flus tal-Unjoni Ewropea użati ħażin minn Therese Commodini Cachia. Din tinkwieta lil kull min għandu għal qalbu s-serjetà.
John Zammit qed jitħallas minn fondi tal-UE li suppost imorru għal affarijiet oħra, allura hemm konferma ċara ta’ frodi.
Grazzi għall-liġi tal-finanzjament tal-partiti, jeżisti regolatur…ċioe il-Kummissjoni Elettorali. Simon Busuttil diġà wera inkonsistenzi kbar, l-ewwel qal li se jmur jiddefendi lilu nnifsu quddiemha, iżda wara ried li ma tinvestigahx.
Illum hemm Pulizija oħra, fuq livell Ewropew, li għandhom jinvestigaw.
Se jmur biex tintalab investigazzjoni fuq fondi Ewropej?
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li John Zammit juża lingwaġġ estrem, biex issa nsiru nafu li qed jitħallas b’mod frodulenti.
Jekk dan mhux skandlu, allura xi jkun skandlu?
Ian Borg fakkar f’kemm priedka Zammit fuq gvernanza tajba u tkaża b’sitwazzjonijiet ferm iżgħar milli hu involut hu nnifsu.
Temm jgħid li issa, Simon Busuttil għandu jaċċetta li jmur quddiem l-OLAF u jkun investigat.