Fil-paniku kbir li għandu quddiem is-suċċess li qed jagħmel pajjiżna u li qed jinħass mill-familji u n-negozji, Simon Busuttil dalgħodu ftaħar li se jibqa jiġġieled.
F’diskors ta’ politiku tal-passat, parti minn elite establishment, il-Kap Nazzjonalista attakka l-investimenti kollha li qed jattira dan il-Gvern.
Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega li Busuttil wiegħed li se jiġġieled kontra l-proġett tal-enerġija li jfisser kontijiet irħas u arja aktar nadifa filwaqt li reġa kkonferma li jrid li pajjiżna jibqa juża ż-żejt, minflok il-gass, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Attakka wkoll l-investiment ta’ 100 miljun dollaru u 300 impjieg ġdid li l-kumpanija ġganteska mill-Istati Uniti Crane Currency se twettaq f’Malta u għamilha ċara li Gvern imexxi minnu ma kienx jaċċetta proġett bħal dan.
Il-Kap Nazzjonalista huwa bitter għaliex ma jiflaħx jara r-riżultati pożittivi li qed tikseb Malta. Issa ddeċida waħdu li ġejja l-elezzjoni ġenerali u għalhekk beda jdoqq id-diska tal-miżuri li huwa stess ma wettaqx meta kiteb il-manifesti elettorali għaż-żewġ gvernijiet preċedenti u li issa jaf li dan il-Gvern huwa impenjat li jwettaqhom.
Il-Partit Laburista fisser kif mhux ta’ b’xejn li lanqas in-Nazzjonalisti ġenwini ta’ madwaru m’huma jemmnuh. Simon Busuttil jista jibqa’ jiġġieled. Joseph Muscat se jibqa’ jiggverna.