Persuni midħla tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista qalu lil ONE News li, fl-aħħar ġimgħat reġa’ beda jindiehes l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Jidher li dan qed jagħmlu, permezz ta’ pariri, l-aktar b’rabta ma’ kampanji li l-Partit Nazzjonalista, bl-għajnuna tal-għaqda Repubblika, jorkestraw fil-konfront ta’ membri tal-Gvern Laburista.
Ftit tal-ġranet ilu, f’artiklu fit-Times bit-titlu ‘Kompli għamilna kburin’, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa għamel eloġju sħiħ lil Simon Busuttil hekk kif dan temm l-impjieg tiegħu fi Brussell minn mal-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP.
Casa semma dawk li hu sejħilhom kwalitajiet kbar tal-eks Kap Nazzjonalista u spjega kemm hu, Simon u Roberta Metsola dejjem ħadmu spalla ma’ spalla.
Casa, li f’Ġunju li għadda ddikjara gwerra qaddisa fil-konfront tal-Laburisti, temm l-artiklu billi jawgura lil Busuttil f’dak kollu li kien biħsiebu jagħmel minn issa ’l quddiem.
ONE News informat li l-klikka estremista fi ħdan il-PN, li tinkludi, fost l-oħrajn, lid-Deputati Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, David Casa u Claudette Buttigieg, komplew saħħew il-kuntatti tagħhom ma’ Simon Busuttil.
Manuvri li qed jaraw lil Busuttil jaqsam magħhom u mal-grupp Repubblika ta’ Robert Aquilina, in-nutar tal-Kurja u hu Karol Aquilina, ħsibijiet u pariri dwar kampanji fil-konfront ta’ membri tal-Gvern.
ONE News hu wkoll informat li Busuttil u sħabu qalu lill-Kap attwali biex jibda jitkellem dwar il-ħolqien ta’ koalizzjoni u Bernard Grech hekk għamel fl-aħħar jiem. Din tal-koalizzjoni fakkret lil kulħadd dwar il-“koalizzjoni ta’ konfużjoni” li kien għamel Simon Busuttil meta hu kien Kap tal-PN.
Is-sorsi mid-Dar Ċentrali komplew li, kemm ilu li daħal fix-xena George Vital Zammit, dan reġa’ intensifika l-kuntatti man-nies ta’ żmien GonziPN u Simon Busuttil.
Dan, fl-istess ħin, li ħafna fil-PN qed ixebbhu lil Vital Zammit ma’ Chris Peregin, li mexxa l-kampanja elettorali Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, fejn il-Partit ta’ Bernard Grech ġarrab l-akbar telfa fl-istorja ta’ pajjiżna.