Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco, ikkonferma llejla li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qallu biex ma jitlaqx.
Dan waqt intervista fil-programm Xarabank illejla li kif żvela one.com.mt iktar kmieni matul il-jum saret minn Mark Laurence Zammit.
Mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni tal-awtur tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista, Simon Mercieca, dik li Busuttil kellu jitfgħu l-barra, De Marco żvela għall-ewwel darba li l-Kap talbu biex jibqa’.
Dik tal-lejla kienet intervista oħra li ħalliet ħafna mistoqsijiet.
Tant li mitlub jgħid xi prova għandu li hu kien jitlob il-kontijiet lil Pierre Sladden tul l-aħħar sitt snin, De Marco reġa’ tenna li rridu noqgħodu biss fuq il-kelma tiegħu u ta’ martu.
Mario De Marco, li għal ħafna ħin deher jitkellem waħdu, preżenta wkoll numru ta’ kwotazzjonijiet li talab qabel ix-xogħol. Imma mkien ma’ seta’ jipprova bil-miktub jew xi xogħol ieħor li tul is-snin ried iħallas lil Sladden. Dan għal xogħol b’valur ta’ €34,000. De Marco ħallas biss wara li ssemma f’Panama Papers.
Dik tal-lejla kienet qed tkun meqjusa bħala opportunita tajba biex Mario De Marco jinġabar xi ftit wara Dissett. Iżda, minkejja l-mistoqsijiet kemxejn repettitivi u faċli jirriżulta li De Marco xorta waħda ma kkonviċiex.