Il-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil qattgħu l-Ħadd filgħodu jitgħajru u jipprovaw inessu s-suċċessi tal-pajjiż filwaqt li jirrepetu gideb u jħarrfu, l-aqwa li jreġġaw lura lill-pajjiż għall-politika ta’ tgħajjir. Dan qalu fi stqarrija l-Partit Laburista.
Żied jgħid li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba u dan iħossuh il-Maltin u l-Għawdxin li ma jridux min iwaqqa’ lill-pajjiżu. Iżda jridu Prim Ministru li joffri bidla pożittiva kontinwa biex huma jibqgħu mexjin ‘il quddiem.
Dan jafu Busuttil li meta din il-ġimgħa mar “ibiegħ” dak li qed jgħid lil tal-ħwienet u sab persuna li qaltlu ċar u tond kemm tan-negozji serjin tajjeb b’ekonomija b’saħħitha li qed twassal biex jimpjegaw iktar nies.
Il-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil, Ħadd wara Ħadd qed juru li ma għandhom xejn ġdid x’joffru ħlief li jkunu parti mill-elite tal-pajjiż u moħħhom biex jibqgħu parti mill-establishment tal-pajjiż.
Il-Partit Laburista temm jgħid li tant huma parti minn dan l-establshment li Busuttil infexx jgħajjar l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għax ħadet deċiżjoni li ma taqbilx lilu. Dak hu atteġġjament ta’ min jemmen li hu l-establishment u li għandu dritt divin li kollox ikun favurih.