Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil reġa’ spiċċa l-mira tal-kritiċi tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, li qed jakkużawh li fil-każ Toni Bezzina kien politikament naive.
Il-KullĦadd irrapporta li saħansitra hemm min fil-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ juża dan il-każ biex iqajjem l-argument dwar jekk b’ Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista hux kapaċi jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Għal ħafna, il-każ Toni Bezzina kien ċar kristall. Iżda meta s-sena li għaddiet ħarġu d-dettalji ta’ rapport ta’ inkjesta, Busuttil sejjaħ il-każ tfiegħ ta’ tajn. Ir-rapport kixef kif, minbarra li bagħat lill-ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol il-każ taż-Żurrieq, sfurzahom jagħmlu wkoll dikarazzjoni falza,
Biex ifarfar minn fuq spalltu, Busuttil kien qal ukoll li jiddeċiedi la tiddeċiedi l-Qorti, ladarba fuq il-każ kien hemm libell. Iżda l-Qorti ddeċidiet fl-aħħar jiem u Bezzina ma ġabhiex żewġ.
“Ma kienx jaf li kien diffiċli jirbaħha. X’ried jgħid biha din li jistenna l-Qorti?” instema’ jistaqsi attivist tal-Partit Nazzjonalista qabel laqgħa l-parlament nhar it-Tlieta li għadda, li għaliha attendew diversi attivisti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom Herman Schiavone li wkoll huwa kandidat fuq il-ħames distrett, li minnu jkun elett Bezzina.
Dan intqal l-għada li fis-sentenza tal-Qorti ħareġ li l-ħaddiema marru ż-Żurrieq bil-vann tax-xogħol waranofsinhar. Għalhekk ħassew li marru waqt il-ħin tax-xogħol, kif ingħad fl-artiklu.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li huwa minnu li Toni Bezzina lestielhom dikjarazzjoni li kellha tiġi ffirmata mit-tliet ħaddiema.
Li Simon Busuttil mhux komdu b’dak li qal f’Jannar tas-sena li għaddiet wara żjara fl-uffiċċju tal-Maltco, irriżulta minn sforz iddisprat li sar biex is-sentenza ma tingħatax.
Toni Bezzina daħħal rikors il-Qorti jitlobha biex ma tiħux deċiżjoni dwar il-każi li fetaħ kontra l-edituri ta’ L-Orizzont u tal-KullĦadd. Iżda dan ma ntlaqax.