Minn xiex qed jiddejjaq il-Kap tal-Oppożizzjoni? X’qed iżommu milli jitpoġġa taħt skrutinju? Staqsa dan il-Partit Laburista f’ konferenza tal-aħbarijiet b’ reazzjoni immedjata għad-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppozizzjoni.
Jekk qatt kien hemm dubju kemm Simon Busuttil huwa falz, din kompliet toħroġ fil-beraħ ftit tal-ħin ilu, stqarr id-Deputat Laburista Michael Falzon.
Il-paladin tal-Governanza tajba, ma jridx lill- Kummissjoni Elettorali, awtorità rispettata f’pajjiżna, li mexxiet il-proċessi elettorali kollha ta’ dan il-pajjiż li tinvestigah fuq il-każ tal-pagi mħallsa mill-privat.
Agħar minn hekk Simon Busuttil qed jhedded lill-istess kummissjoni elettorali li xogħolha hija li tkun gwardjana tal-Kostituzzjoni u tirregola l-elezzjonijiet, li se jieħu passi bil-Qorti kontriha.
Busuttil irid jiddetta min jinvestigah, innota Falzon li qal ukoll li l-kap tal-Oppozizzjoni donnu hu konvint hu stess li qieghed fil-hazin ghalhekk ma jridx investigazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici stqarr li din l-aħħar mossa ta’ Busuttil turi kemm hu politikament iddisprat ghax ma jridx li skandlu li jibda u jispiċċa miegħu jkun investigat u filwaqt li jagħmel dan qed jispiċċa jigdeb.
Bonnici sostna li kien jaf li l-investigazzjoni għadha ma bdietx u x’ħin kienet se tibda tinvestiga verament, ra kif għamel biex jiżgiċċa mill-fatt li qed jikser il-liġi.
Din hi l-intenzjoni ta’ Busuttil, innota l-Ministru, li jara kif jipposponi u jahrab il-veritá.
Fejn jogħġob lill-Partit Nazzjonalista, jikkwotaw lill-Kummissjoni, u fejn le jarmu l-awtorità tagħha. Din hija trait li issa ilha għaddejja, saħaq Bonnici, jattakka lill-Kummissjonijiet kollha li ma jdoqqux id-diska tiegħu – attakka lill-Qorti, Kummissjoni elettorali, Awtorità tax-Xandir, PBS, Armata, Pulizija etċ.