Intervent fuq ir-radju mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien mimli attakki fil-konfront tal-gvern u fejn bilfors kellu jirrikonoxxi li sar tajjeb prova jieħu l-mertu. Għalkemmm kien hemm ukoll affarijiet ovvji, li Simon Busuttil prova jmerrihom, bħar-roħs fit-tariffi tal-enerġija.
Simon Busuttil qal dawn il-preċiżi kelmiet “U filfatt it-tariffi ma raħashomx.”
F’ġimgħa fejn tħabbar ukoll ftehim għal numru ta’ ħaddiema tal-Wasterv bil-għan li huma joħorġu mill-prekarjat, Busuttil qal li l-gvern qiegħed iżidu.
“Għaliex il-prekarjat Joseph Muscat mhux talli ma neħħiħx talli żiedu, dawn huma l-affarijiet li n-nies qed iħossu.”
Fl-istess ħin qal li t-tkabbir ekonomiku li qed tirreġistra Malta sar bis-saħħa tiegħu.
“Vera li hemm ekonomija b’saħħitha u l-PN kburi bieha għax din grazzi għal sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u zgur li mhux mill-llum għal għada minn Marzu tal-2013.”
Irreaġixxa għal dan il-Partit Laburista, li qal li l-kredibilita’ tal-Kap Nazzjonalista tkompli tmur għall-agħar meta jipprova jieħu l-mertu għal bidliet pożittivi li wettaq dan il-Gvern wara 25 sena ta’ tkaxkir tas-saqajn.
“Ħadd ma jemmen lil Simon Busuttil meta jgħid li mhux frott il-ħidma ta’ dan il-Gvern li llum l-ekonomija hija b’saħħitha,” qal il-Partit Laburista.
Fakkar ukoll kif il-persuni fuq il-minimum wage tneħħitilhom it-taxxa imposta fuqhom mill-PN, u ħaddiema fuq prekarjat fl-aħħar qed isibu Gvern li jagħmel ġlieda bla preċedent fuq l-abbuż tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
L-istess kif ħadd ma jemmen lil Simon Busuttil meta jgħid li l-kontijiet tad-dawl raħsu grazzi għall-proġetti tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Il-Partit Laburista qal li li kieku dan huwa minnu, Simon Busuttil kien iwiegħed roħs fil-kontijiet meta kiteb il-programm elettorali la kien jaf li l-proġetti tiegħu setgħu iraħħsu l-kontijiet.
“Simon Busuttil huwa politiku tipiku tal-passat, parti minn establishment li n-nies ilhom li warrbu,” temm jgħid il-Partit Laburista.