Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li waqt mass meeting illum Simon Busuttil irrepeta kemm –il darba li din l-elezzjoni għalih mhux kwistjoni ta’ proposti elettorali. Huwa ċar li jrid elezzjoni bbażata fuq in-negattivita’, gideb u ħmieġ.
Il-PL qal li Simon Busuttil m’għandu l-ebda viżjoni għal pajjiż u minkejja li ilu erba’ snin jgħid li startja l-magni għall-elezzjoni ġenerali , issa spiċċa mingħajr proposti u viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna u jibża’ lin-nies jiġġudikawh kemm fuq il-proposti u jagħżlu bejn u bejn Joseph Muscat.
L-istqarrija tgħid li għalih Busuttil l-elezzjoni la hi għażla bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti politiċi u l-aqnas għażla bejn min joffri l-aħjar proposti għal pajjiżna.
Din hi elezzjoni ta’ min kapaċi joffri l-aqwa żmien għal pajjiżna, din hi elezzjoni bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil, sostna l-PL.
L-istqarrija temmet tgħid li min-naħa waħda Mexxej politiku falz, jibbaża biss fuq attakki personali, mingħajr proposti, jemmen fl-isterotipi , jxerred il-firda u jmexxi koalizzjoni ta’ konfużjoni u minn naħa l-oħra Joseph Muscat li hu mexxej politiku li joffri stabilita’ u kredibilta’ , jmexxi team magħqud , b’viżjoni u bi proposti għall-pajjiżna u jemmen f’Malta maghquda biex ikollha l-aħjar żmien.