Il-Partit Laburtista qali huwa tassew inkreddibli kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-wiċċ li jitkellem fuq is-settur tal-enerġija, l-istess settur li għalih kellu aċċess għal pjan ippreżentat lill-Gvern Nazzjonalista u li konxjament warrab biex jibqa’ għaddej bl-aktar fjuwil li jħammeġ minflok il-qalba għall-gass. Dan kollu filwaqt li kien għaddej l-ikbar skandlu politiku, dak tal-commissions fuq ix-xiri taż-żejt.
Il-Partit Laburista qal li bl-għażla tiegħu, l-unika pjan li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni kienet li jibqa’ t-tniġġiż fl-arja, li llum qed jiftaħar li l-emissjonijiet naqsu bis-saħħa tiegħu u li jerġgħu jogħlew il-kontijiet.
“Għal din ir-raġuni biss Simon Busuttil ma jistax jitwemmen,” insista l-Partit Laburista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, kompla jgħid il-Partit Laburista, ma jistax jittieħed bis-serjetà mhux biss għax gideb meta qal li l-kontijiet ma jistgħux jorħsu, għax kellu l-pjan li għaddielu l-Gvern, iżda għax l-unika pjan li offra kien li jinħaslu l-ħwejjeġ bil-lejl.
“Illum il-poplu qed jidħaq jara lil Simon Busuttil jipprova jieħu xi xorta ta’ mertu, meta jaf li kieku ma kienx għal pjan konkret ta’ dan il-Gvern, il-kontijiet kienu jibqgħu ogħla u fl-arja kien ikun hawn aktar tniġġiż,” temm jgħid il-Partit Laburista.