Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ma jistax jaqa’ aktar fil-baxx minn kemm qiegħed bħalissa meta qed jispiċċa jitlob l-irċevuti ta’ żjara privata li għamel il-Prim Ministru flimkien mal-familja tiegħu u li għaliha ħallas kollox hu. Dan qalu fi stqarrija l-Partit Laburista.
Agħar minn hekk, filwaqt li Busuttil irid jindaħal fi żjara privata, ilbieraħ ħareġ kif qal lil Mario DeMarco li jista’ jibqa’ fejn hu u ma joqgħodx jinkwieta anke jekk dan tal-aħħar kien sarlu xogħol minn kuntrattur f’daru, waqt li kien il-persuna responsabbli mill-MEPA bi ksur sfaċċat tal-kodiċi tal-etika.
Il-Partit Laburista jinnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas tkellem fuq Beppe Fenech Adami li għadu ma ppubblika xejn minkejja li hemm allegazzjoni li nħariġlu b’mod abbużiv il-permess biex jgħolli d-dar tiegħu u biex id-dar tidħol ‘il ġewwa minn ODZ. Ma weġibx lanqas fuq allegazzjoni li x-xogħol fuq l-estensjoni tad-dar tal-istess Fenech Adami ma tħallsitx minnu.
Busuttil ukoll li tant jitkellem fuq standards, għadu jinsisti li jkompli jaħbi permezz tal-iskema ta’ dejn sigriet, li fuqha jqumu suspetti kbar.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni missu jinduna li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistmerr il-politika tiegħu.
Simon Busuttil ma jistax jaqa’ fil-baxx aktar minn hekk.