L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalist Simon Busuttil ma laqax l-isfida li għamillu ġimgħat ilu l-Grupp db biex imur jagħrbel il-kuntratt tat-trasferiment tal-art tal-ITS f’San Ġiljan.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp DB Arthur Gauci wieġeb għad-dikjarazzjoni li għamel it-Tnejn fil-Parlament Busuttil meta qal li trasferiment ta’ dak li kien is-sit tal-ITS lill-Grupp db għandu jiġi investigat.
Fi stqarrija, il-grupp ċaħad b’mod kategoriku li huma konxji jew saħansitra parti minn xi ħaġa ħażina.
Qalu li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, il-valur tal-art ġie stabbilit mill-kumpanija tal-awditjar ta’ fama internazzjonali Deloitte.
Il-Grupp qal li għalhekk jilqa’ kull tip ta’ investigazzjoni fil-kuntratt tagħhom u wiegħed koperazzjoni sħiħa.
Kien hawn li l-Kap Eżekuttiv Arthur Gauci stieden lill-eks Kap Nazzjonalista biex jgħaddi kull informazzjoni li jista’ għandu lill-maġistrat inkwerenti li jista’ jiġi appuntat u lill-pulizija.
Qal li sa mill-bidu l-grupp laqa’ l-iskrutinju tat-trasferiment tal-art tal-ITS kemm mill-Uffiċċju tal-Awditur u mill-Kummissjoni Ewropea, b’din tal-aħħar tikkonferma li l-proċedura għat-talba għall-proposti kienet konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Il-grupp żied jgħid li marru pass aktar minn hekk u ġimgħat ilu stiednu lill-politiċi kollha u lill-ġurnalisti biex jagħrblu l-kuntratt waqt li wegħdu l-koperazzjoni sħiħa tagħhom.
Sostna li s’issa ħadd ma’ laqa’ din l-istedina, inkluż l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.