“Illum Simon Busuttil ma kkundannax lill-kandidat tiegħu Josie Muscat fuq kummenti kontra nisa u persuni omosseswali.” – Partit Laburista
Il-Partit Laburista rreaġixxa għal mod ta’ kif il-kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, ma kkundannax lill-kandidat tiegħu, Josie Muscat, fuq kummenti kontra n-nisa u persuni omosseswali, tant li ddefenza l-għażla tal-kandidat.
L-istqarrija tal-Partit Laburista tispjega li fuq in-nisa, Josie Muscat, qal li n-nisa vittmi ta vjolenza domestika ħafna minnhom jipprovokaw imbaġħad wara joqgħodu jibku. Filwaqt li fuq żwieġ bejn persuni tal-istess sess, qal li żwieg bħal dan huwa ‘fake’.
“Simon Busuttil ma qal l-ebda kelma ta kundanna ghal dawn l-istqarrijiet diskriminatorji iżda sostna biss li issa li Josie Muscat hu kandidat tal-PN , dan ser jimxi skont id-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista,” spjega l-Partit laburista.
Għal darb’oħra Simon Busuttil reġa’ semma’ lir-residenti tal-Kottonera, u qal li hu semma’ l-problemi soċjali li hemm fiż-żona u għalhekk ma kellux għalfejn jiġi miżinterpretat.
“Il-Partit Laburista jikkundana kull kliem diskriminatorju abażi tas-sess jew tal-lokalità ta’ fejn toqgħod persuna. Bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu Simon Busuttil qed juri li lest jaċetta kollox mill-kandidati tiegħu u jieħu l-pajjiżna lura għal erba’ snin ilu meta f’pajjiżna ma kienx għadu avvanza fil-libertaijiet ċivili.”