Il-Partit Nazzjonalista ħa brejk mill-ħamallaġni u l-insulti tal-kandidati tiegħu fuq il-mezzi soċjali, u dalgħodu tella’ banner fuq każ li qiegħed jiġi investigat u fejn il-Ministru Bartolo rraporta lil tlett istituzzjonijiet differenti, fosthom il-Pulizija, qal il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-PL qal li bid-differenza ta’ Simon Busuttil, meta ġew akkuzi serji ta’ korruzzjoni quddiemu minn kuntratturi Għawdxin, il-Ministru Evarist Bartolo ħa l-passi. Jekk hawn xi ħadd li jmissu jistħi, huwa l-Kap tal-Opożizzjoni li jgħaggel biex jitfa’ t-tajn inġustament u ma jarax x’għamel hu.
Temm billi qal li dan il-Gvern dejjem ħa l-passi kolla meħtieġa biex dejjem jitħares l-interess pubbliku. Jekk it-taxxi tal-poplu qegħdin fuq moħħ Simon Busuttil, nistednuh jaqra r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq it-tgerfix li kien hemm taħt gvern preċedenti fuq binjiet li kienu tal-poplu u jgħidilna x’passi se jieħu hu fuq dan il-każ.