Ħadd ieħor u tmiem ta’ ġimgħa oħra iebes għall-Kap tal-Oppożizzjoni li reġa’ qiegħed jiffaċċja kritika fil-miftuħ għall-mod kif qed imexxi l-Partit Nazzjonalista. Min b’raġuni u min b’oħra d-diskors ta’ ċanfir lejn Simon Busuttil ma jaqta’ xejn u din id-darba kien imiss żewġ opinjonisti ta’ the Malta Independent li kitbu dwar in-nuqqasijiet tal-Kap.
Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista, kiteb dwar il-liġi taċ-ċensura u l-vilifikazzjoni. Iżda, l-iktar dikjarazzjoni li toqlot l-għajn hija dwar il-Kap.
Mercieca jgħid li fl-aħħar tliet snin il-Partit Nazzjonalista emmen li jrid ikun iktar liberali biex jirbaħ l-elezzjoni, iżda issa rrealizza li b’hekk ma jirbaħx. “Il-Partit Nazzjonalista qed jidher iktar u iktar opportunist u l-Kap dgħajjef iktar minn qatt qabel,” kiteb Simon Mercieca li wissa kif bl-istil adottat il-Partit Nazzjonalista qed jissogra telfa kbira oħra.
Anke Noel Grima kellu xi jgħid. Grima huwa opinjonist ieħor li ħafna drabi ma jarax il-gvern gustuż, iżda f’mument fejn qed tkun immontata kampanja fil-konfront ta’ Busuttil anke hu kellu xi jgħid. Qal li għad baqa’ ż-żmien għal bidla, imma ftit ħafna. U żied li sa issa ma nbidel xejn. Saħansitra jqabbel il-mument ta’ issa mal-agħar żmien ta’ Lawrence Gonzi qabel l-elezzjoni li għaddiet.
Fost l-iżbalji li jsemmi Noel Grima, li jidher li mhux impressjonat bil-grupp parlamentari ta’ Busuttil, hemm il-fatt li ħatar shadow ministers li lanqas huma fil-parlament Malti b’referenza għal Therese Commodini Cachia u Roberta Metsola.
Filwaqt li jagħti elenku ta’ nuqqasijiet oħra Grima kiteb li “l-ikbar diżappunt hu Simon Busuttil innifsu”. Jinnota kif Busuttil dejjem sab is-sodda lesta u qal li din hija xhieda tad-dinastiji fil-Partit Nazzjonalista bi grupp li jieħu ħsieb il-poter tiegħu u oħrajn ftit jistħu javvanzaw.
“Il-Partit sar partit tal-istqarrijiet ta’ malajr. Li lanqas ikunu maħsuba,” kiteb Grima, ġurnalist b’għexieren ta’ snin esperjenza. U filwaqt li kompla jikkritika Grima kiteb li l-gvern għandu favur tiegħu rekord ekonomiku qawwi bl-oppożizzjoni tibqa’ magħrufa biss bħala l-partit tal-awsterità. “Forsi għalhekk ma nistax niftakar imqar proposta ekonomika waħda mill-Partit Nazzjonalista,” qal Grima.