“Il-Kap tal-Oppożizzjoni, ħela erbà snin jiffoka fuq attakki personali minflok joħroġ bi proposti konkreti.”
Kien dan il-messaġġ tal-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-proposti li ħareġ bihom Simon Busuttil għal persuni b’diżabilità, proposti li fi kliem il-Ministru Michael Farrugia, diġà saru jew qed jitwettqu.
Farrugia sostna li dan juri biċ-ċar il-konfużjoni tal-koalizzjoni li qed twiegħed proposti li lanqas biss taf li diġà għaddew liġijiet dwarhom fil-Parlament.
Fost dawn il-proposti hemm dawk li persuni b’diżabilità se jingħataw pensjoni mingħajr tnaqqis, iżda l-Ministru Michael Farrugia spjega li din il-proposta diġà hija realtà hekk kif Gvern Laburista żied il-pensjoni għal dawn il-persuni b’20%. Għaliex Gvern Laburista tkellem ma’ dawn il-persuni li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol u għalhekk qed jingħataw din l-allowance biex tgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Iżda din ma kinitx l-unika proposta ta’ Busuttil, li diġà qed titwettaq minn Gvern Laburista fost oħrajn hemm dik li persuni b’diżabilità li jibdew jaħdmu jibqgħu jgawdu mill-benefiċċji.
“Simon Busuttil huwa ‘l bogħod mir-realtà ta’ persuni b’diżabilità u mhux kredibbli.”
Dan għaliex fost oħrajn, ma ntebaħx li diġà għaddiet liġi fil-Parlament li tagħti allowance lil persuni li jkunu għamlu amputazzjoni. Bil-Ministru Michael Farrugia jispjega li diġà se jkunu qed igawu minnha aktar minn 30 persuna. Dwar l-allowance lil tfal b’diżabilità, Simon Busuttil qed iwiegħed dak li Gvern Laburista għamel għall-ewwel darba f’ħafna snin li din l-allowance żieda b’20%.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret ukoll li s-sostenn u s-serħan il-moħħ lill-NGOs mhux biss dawk li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità iżda kollha diġà qed jingħataw kuntratt ta’ tliet snin wara r-riforma li għamel dan il-Gvern fejn jidħlu public social partnerships.
“Simon Busuttil distakkat mir-realtà ta’ dawn il-persuni, qed jirriċikla proposti u inizjattivi li qed jitwettqu. Kap ta’ Oppożizzjoni li miexi bla ebda pjan u mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni ma segwa xejn dak li kien qed jiġri fil-kamra.”
Justyne Caruana tat elenku tal-proposti kollha li għamel Simon Busuttil fosthom dawk iċ-ċentri ta’ matul il-jum, li b’differenza għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li fetaħ biss wieħed minn dawn iċ-ċentri, Gvern Laburista fetaħ erbà ċentri.
Justyne Caruana tat elenku tal-proposti kollha li għamel Simon Busuttil fosthom dawk iċ-ċentri ta’ matul il-jum, li b’differenza għall-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li fetaħ biss wieħed minn dawn iċ-ċentri, Gvern Laburista fetaħ erbà ċentri. Caruana spjegat li anke fejn jidħlu djar residenzjali u life long care plan, dak li qed jipproponi Busuttil diġà twettaq.
“Il-proposti li ħabbar il-Partit Laburista se jkunu qed jindirizzaw il-bżonnijiet vera ta’ persuni b’diżabilità, proposti li għamlu huma stess. Min-naħa l-oħra hemm koalizzjoni ta’ konfużjoni li lanqas biss irealizzat kemm il-pajjiż għamel passi kbar li qed igawdu minnhom persuni b’diżabilità.”