Il-Prim Ministru kien mistieden għal tieġ miċ-ċermen ta’ Pilatus Bank bħalma jkun mistieden għal mijiet ta’ riċevimenti u okkażjonijiet oħra fis-sena minħabba l-kariga li jokkupa. Saħansitra kien hu li ta dan id-dettall meta xehed fl-inkjesta maġisterjali li talab hu stess dwar il-gidba ta’ Egrant. Dan għax m’għandux xjaħbi. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
L-iktar importanti f’dan kollu hu li l-bank Pilatus kien stmat bħal kull entità finanzjarja oħra li ġiet tirreġistra f’pajjiżna. Dan kemm qabel u anke wara dan il-proċess.Il-PL qal li bħal ngħidu aħna il-bank Nemea, li kellu l-liċenzja rtirata wara għadd kbir ta’ rregolaritajiet bl-ewwel passi jkunu bħal dawk li ttieħdu fil-konfront ta’ Pilatus fl-aħħar jiem. Il-każ Nemea ma tkellem xejn dwaru l-Partit Nazzjonalista għax l-eks Kap tal-Partit, Lawrence Gonzi mhux biss aċċetta stedina għal riċeviment iżda kien Direttur tal-bank. Meta lbieraħ kien miegħu fuq it-televiżjoni, Simon Busuttil, messu staqsa lil Lawrence Gonzi dwar dan il-każ mill-iktar serju jekk irid ikun xi ftit kredibbli.
Spjega li dwar Pilatus anke quddiem l-MEPs ir-rappreżentanti tad-ditta internazzjonali KPMG fissru kif dan kien stmat bħal kull entità oħra. Juanita Bencini, f’isem KPMG, kienet ċara kristall meta l-MEPs għamlulha l-mistoqsija dwar jekk l-uffiċċju tal-Prim Ministru intervjeniex fil-proċess. Qalet kif qatt ma kellha komunikazzjoni mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-uffiċjali tal-KPMG kienu ċari li huma wkoll għamlu proċess ta’ due diligence globali fejn kien hemm diversi kriterji li jridu jkunu sodisfatti qabel huma jieħdu klijenti ġodda.
Sostna li l-bank Pilatus inġieb Malta fi żmien l-Eks Ministru Tonio Fenech. Fil-fatt kien fl-2012 li bdew it-taħditiet biex in-nies tal-bank Pilatus jiksbu liċenzja biex jiftħu f’Malta. Il-proċess beda f’Ġunju ta’ dik is-sena u l-ewwel preżentazzjoni saret f’Settembru tal-istess sena
Temm jgħid li mal-mument li tfaċċaw l-akkużi fl-Istati Uniti l-awtoritajiet indipendenti ħadu l-azzjonijiet mitluba minnhom f’serenità u b’serjetà. Dak juri kemm l-argumenti tal-PN u Simon Busuttil huma biss gideb. Fil-fatt, Simon Busuttil għadu sal-lum ma laqax l-isfida li jirriżenja meta l-inkjesta maġisterjali turi li gideb fuq il-Prim Ministru u martu.