Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qed jinsisti li l-Imħallef Antonio Mizzi ma jismax l-appell dwar jekk għandiex inkjesta maġisterjali dwar iċ-ċhief of staff tal-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu. Dan wara rikors ieħor li reġa’ għamel hu.
Skont Busuttil dan m’għandux isir għax mart l-Imħallef Mizzi hija l-Membru tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi.
Din id-dikjarazzjoni ġabet il-kundanna tal-Kamra tal-Avukati iżda Simon Busuttil wieġeb billi qal li huwa naturali li wieħed jitlob li huwa m’għandux jiddeċiedi dan l-appell.
“Dan mhux attakk fuq l-Imħallef Mizzi jew l-indipendenza tal-ġudikatura. Anzi, bil-maqlub,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu ppreżenta żewġ talbiet biex dan l-appell jinstema’ b’urġenza u qal li se jkun qed jagħmel talba formali skont il-liġi biex dan l-appell ma jinstemax mill-Imħallef li bħalissa tinsab quddiemu.
Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ried jibdel ġudikanti. Saħansitra għamel hekk f’kawża ta’ libell li fetaħ is-Sindku tar-Rabat Għawdex li ma riedx li l-każ jinstema’ mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri. Dik it-talba ma ntlaqgħetx minn iktar minn qorti waħda.