L-iżbalji serji li ħa l-Partit Nazzjonalista fl-analiżi tiegħu dwar it-tbassir ekonomiku tal-Bank Ċentrali jixhdu d-dilettantiżmu li fuqha hija mibnija n-negattivitá tal-Oppożizzjoni.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, li tispjega kif qabel ivvinta r-rapport tal-Bank Ċentrali juri li d-dħul disponibbli tal-familji se jonqos, il-Partit Nazzjonalista kull ma ried jagħmel huwa li jara t-tabella f’paġna 3 tal-istess rapport li juri kif dan id-dħul fil-fatt se jiżdied bi 3.8% u 2.8% fis-sentejn li ġejjin.
Il-Partit Laburista qal, li kull min għandu indikazzjoni bażika tal-matematika u l-ekonomija jista’ faċilment jara li mkien m’hemm tnaqqis fid-dħul disponibbli u l-kalkoli tal-Oppożizzjoni huma sempliċiment ħżiena u qarrieqa.
L-istqarrija tgħid li l-Partit Nazzjonalista żbalja wkoll meta qal li l-ħaddiema mhux se jlaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Lanqas induna li t-tabella msemmija tirreferi għal termini reali, iġifieri li teskludi l-impatt ta’ żieda fil-prezzijiet. Għalhekk huwa fil-fatt wara li jikkunsidra l-inflazzjoni, li l-Bank Ċentrali qed ibassar li l-familja medja se tmur minn fuq bi 3.8% fl-2017 u 2.8% fl-2018.
Il-Partit Laburista fisser li quddiem din l-inkompetenza ekonomika ta’ Simon Busuttil, wieħed ma jistax jeħodha bi kbira li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda pjan għal pajjiżna u huwa kapaċi biss biex jattakka personali bl-istess arroganza li kien juri qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.