Bid-diskors negattiv u distruttiv li għamel illejla fil-Parlament, Simon Busuttil ikkonferma li m’għandu ebda viżjoni għall-futur.
Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega li trid tkun insensittiv biex issejjaħ dan il-budget bħala kosmetiku meta jwassal tant ġid lil kulħadd, l-aktar lil min huwa l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta. Għall-Kap tal-Oppożizzjoni, fost oħrajn, huwa kosmetiku li tagħti €500 fis-sena lil kull familja b’żewġ itfal fejn il-missier jaħdem bil-minimum wage u li tagħmel ġustizzja lil mijiet ta’ carers li issa se jikkwalifikaw għal €140 fil-ġimgħa.
Għal Simon Busuttil, huwa kosmetiku li tneħħi l-piż tat-taxxa fuq l-ewwel €13,000 pensjoni u li teħles lil 22,000 pensjonant sa €585 f’taxxa u li tagħti benefiċċju daqs il-minimum wage lil min għandu diżabilità severa.
Il-Partit Laburista qal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu problema bażika – nuqqas ta’ kredibilità. Meta kien Viċi Kap tal-partit fil-Gvern, kuljum, żewġ persuni aktar spiċċaw jirreġistraw. Dawk f’severe material deprivation żdiedu b’10,000. Dr Busuttil kiteb żewġ manifesti elettorali u mkien ma semma żieda fil-pensjonijiet. Bih fit-tmexxija kien ikompli jżid id-dejn nazzjonali b’€100 miljun fix-xahar, kien jerġa jgħolli d-dawl u l-ilma, l-Enemalta kienet tibqa’ mdejna u l-powerstations kienu jkomplu jaħdmu bil-heavy fuel oil.
Flok li jkompli jiddefendi lil Beppe Fenech Adami, Simon Busuttil jagħmel tajjeb li jifhem il-proġetti li qed jagħmlu lil Malta suċċess, għax ma kull jum li jgħaddi qed jikkonferma kemm huwa maqtugħ min-nies.
Grazzi għall-għażla għaqlija tal-eluf kbar li ma semgħux minn Simon Busuttil fl-2013 u għażlu bidla fid-direzzjoni, illum nistgħu nwettqu pakkett soċjali ta’ għexieren ta’ miljuni għal dawk l-aktar fil-bżonn. Busuttil irid sempliċiment ireġġa l-arloġġ lura.