Illum Simon Busuttil qal li kull meta kien joħrog rapport mill-Awditur Ġenerali u jkun kontra il-Partit Nazzjonalista , kien jgħid ‘m’hemmx x’tagħmel’ u jieħu azzjoni u jaċċetta r- rakkomandazzjonijiet.
Fi stqarrija l-Partit Laburista spjega li din hi gidba. Mhux biss qatt, ma ttieħdet azzjoni fi żmien amministrazzjoni preċedenti u qatt ma kien hawn il-kultura tar-riżenji f’pajjiżna fi żmien meta Simon Busuttil kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, iżda l-anqas issa li hu Kap tal-Partit Nazzjonalista mhu qed jieħu azzjoni.
Minkejja li rapport tal-Awditur Generali, sab li s-Shadow Minister Chris Said meta kien Ministru indaħal kif ingħataw fondi pubbliċi, liema indħil jitfisser minn dan ir-rapport bħala ‘unwarranted’, u minkejja li l-Awditur Ġenerali m’emminx il-verżjoni li ta’ Chris Said , Simon Busuttil qal li mhux ser jieħu azzjoni kontra s-shadow Minister tiegħu.
L-istess ġara fil-każ ta’ Toni Bezzina , fejn instab li ġiegħel ħaddiema jieħdu ġurament falz biex ma jikxfuhx li uża fondi pubbliċi għal każin tal-PN taż-Żurrieq. Dawn il-fatti ġew ikkonfermati ukoll mill-Qorti
Wara ġimgħa li mill-Parlament għaddew liġijiet storiċi biex jitjiebu l-istandards fil-politika b’leġiżlazzjonijiet li jsaħħu l-governanza, idaħħlu saffi ġodda ta’ skrutinju fuq il-politiċi u saħansitra l-politiċi jħallsu penali jekk ma jattendux għas-seduti tal-Parlament, Simon Busuttil kien negattiv ukoll dwar dan.
Il-Partit Laburista spjega d-differenza bejn l-awtonomija li qed tingħata lill-Parlament, il-liġijiet li jsaħħu l-istituzzjonijiet li qed jgħaddu waħda wara l-oħra mill-Parlament, minn kif kien spiċċa l-Parlament fi zmien amministrazzjoni preċedenti meta il-Parlament ma kienx jitlaqqa’ u kien staġnat minħabba li ma kellux maġġoranza . Tul dan kollu Simon Busuttil kien Viċi Kap u parti mill-estbalishment ta’ dak iż-żmien.