Il-Kap tal-PN Simon Busuttil reġa’ gideb dwar il-proċeduri li għaddejjin fl-inkjesti quddiem il-maġistrat Aaron Bugeja u Natasha Galea Sciberras. Ma huwa assolutament minnu xejn li l-Prim Ministru jew Keith Schembri ppreżentaw xi kwerela kontra minn għadda l-informazzjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista spjega li Simon Busuttil tant jinsab dahru mal-ħajt u huwa mbeżża għal kollox mill-eżitu tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant, li bla dubbju ta’ xejn ser tikxef il-kalunja li huwa għamel kontra pajjiżna, illi wara li l-ewwel ipprova jtawwal iż-żmien, issa qiegħed jirrikorri għal gideb sfaċċat.
Il-fatt li tali kwerela qatt ma ġiet ippreżentata jista’ jiġi faċilment skrutinizzat. Dan jista’ jiġi kkonfermat kemm mal-Korp tal-Pulizija kif ukoll mill-atti tal-Qorti.
Il-Partit Laburista qal li huwa fl-interess pubbliku li l-gideb perikoluż għall-aħħar ta’ Simon Busuttil issa jinkixef. Dan mhu xejn ħlief attentat ieħor ta’ Simon Busuttil li jinganna bil-poplu u joħloq instabbilita’ fil-pajjiż.
L-istqarrija tal-Partit Laburista saħqet li din il-politika oxxena m’għandiex postha f’ pajjiżna u l-Partit Laburista ċert li l-poplu ser jiċħada darba għal dejjem nhar it-3 ta’ Gunju, 2017.