Fid-diskors li għamel f’attività politika, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddefenda lil Jason Azzopardi u qal li dak li ngħad dwar l-eks Ministru responsabbli mill-artijiet fuq il-każ tal-21 tomna f’Ħal Qormi m’hu xejn ħlief gideb kbir, vendetta u vendikazzjoni. Biss dwar Tonio Fenech, li fih waħħal Jason Azzopardi, Busuttil ma qal xejn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni injora kompletament il-kundanna li rċieva Jason Azzopardi mill-Awditur Ġenerali. Meta dan kien Ministru, ippermetta li l-Gvern idaħħal biss €700,000 ta’ art li, libera u franka, tiswa aktar minn tmien miljun ewro. Dan għaliex intużaw valuri ta’ 22 sena qabel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma weġibx għall-fatt li issa sar magħruf li Zaren Vassallo fil-Qorti qal li kien mar għand il-Ministru responsabbli u wegħduh kompromess. Simon Busuttil, li qed jgħid li jrid jagħmel koalizzjoni kontra l-korruzzjoni, kien qal li jekk xi ħadd minn sħabu jinqabad f’xi ħaġa ħażina, kien ikeċċih minnufih.