Filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qed tiddiskuti t-talba tal-investituri biex jiġi estiż il-bini tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, sit li se jakkomoda wieħed miż-żewġ campus tal-American University of Malta, għal darb’oħra permezz tar-rappreżentat tiegħu fil-Bord, Simon Busuttil ivvota kontra aktar investiment u b’mod sussegwenti kkonferma l-pożizzjoni tiegħu kontra s-South.
B’reazzjoni għal dan il-Partit Laburista fisser kif il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss irid iċaħħad lill-pajjiż minn aktar investiment, mhux biss irid iċaħħad in-naħa ta’ isfel ta’ Malta minn tkabbir ekonomiku bla preċedent, iżda huwa wkoll kontra konservazzjoni ta’ binjiet storiċi bħal mhu l-Baċir u qed iċaħħad in-nies tal-akwati minn kumpens li se jingħata mill-investituri.
Fi stqarrija l-Partit spjega li Busuttil min-naħa l-oħra jrid jissokta fuq dak li ħalla Gvern Nazzjonalista li huwa kien jagħmel parti minnu u juża biss lin-naħa ta’ isfel biex jitfa’ kull xorta ta’ tniġġiż, pożizzjoni kkonfermata mill-fatt li huwa jrid l-estensjoni tal-Freeport f’mossa li ħadd ma jista’ jifhem u jispjega.
Minkejja l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-investiment u n-naħa ta’ isfel ta’ Malta, Gvern ta’ Joseph Muscat kommess li jkompli jagħti n-nifs lill-familji u n-negozji li kien ilhom is-snin waħidhom.