Simon Busuttil qed jibqa’ jipprova jserraħ fuq ir-Russa li jiddeskrivi bħala whistleblower u li ma telgħetx il-Qorti bil-għan li ma tweġibx f’każi fejn hi akkużata b’malafama u gideb.
Mat-Times of Malta, ir-Russa li għandha storja ta’ stejjer ivvintati, qalet li Egrant ġiet intimidata minn detectives Russi mqabbda minn Maltin jintimidaw lill-familja. Simon Busuttil, Kap tal-Oppożizzjoni malajr ħareġ jikkummenta. Qal li hija allarmanti u tkompli tikkonferma għaliex il-whistleblower ħasset li kellha taħrab minn Malta wara l-elezzjoni.
Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu jieqaf jintimida lill-whistleblower u joffrilha protezzjoni sħiħa. “Huwa ta’ għajb kbir kif Gvern li xeba’ jiftaħar li daħħal liġi għall-protezzjoni ta’ min jikxef informazzjoni issa qed jhedded lil min kixef informazzjoni dwar il-Prim Ministru nnifsu,” qal Simon Busuttil li bbaża l-kampanja elettorali tiegħu fuq il-gidba ta’ din il-mara.
Għall-istqarrija ta’ Simon Busuttil irreaġixxa l-Partit Laburista li qal li l-istqarrija ta’ Busuttil dwar dik li jsejjaħ whistleblower, li għamlet allegazzjonijiet mingħajr ma pproduċiet prova jew imqar nitfa verità, hija inkredibbli.
“Simon Busuttil qed jibqa’ jemmen persuna li wara li għamlet dawk l-allegazzjonijiet fuq il-Prim Ministru u għaddejja kawżi dwar frodi qabdet u telqet minn Malta,” qal il-Partit Laburista.
Intqal li Simon Busuttil, bħala Kap caretaker, ma għandux jibqa’ mażżra ma’ għonq il-PN u jibqa’ jkisser il-ftit kredibbiltà li fadallu l-Partit fl-Oppożizzjoni.