L-eks Viċi Kap Nazzjonalista fi żmien GonziPN, Simon Busuttil, qal li hu qatt ma kien parti minn dak il-Gvern Nazzjonalista.
Immexxija minn Lawrence Gonzi, dik l-amministrazzjoni tibqa’ magħrufa bħala waħda mill-agħar jekk mhux l-agħar waħda, mhux l-inqas għall-kontijiet esaġerati tad-dawl li kien għolla “bil-qalb kollha” għall-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna.
Fl-istess ħin li l-istess Gvern mexxa politika ta’ awsterità.
“Jien qatt ma kont fil-Gvern.”
L-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil
Dan hu l-istess Simon Busuttil, li ftaħar kemm-il darba li kien l-awtur tal-programmi elettorali Nazzjonalisti fl-2008 u fl-2013.
Hawnhekk, f’din l-intervista ma’ Karl Bonaci, Busuttil irringrazzja lil Lawrence Gonzi.
“U grazzi wkoll lil Lawrence Gonzi.”
L-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil
Għax l-għeneb qares, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal li tilef l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, għax, skontu, il-Partit Laburista xtara l-voti.
“Tant bdew jinxtraw voti.”
L-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil
Ta’ min ifakkar li, fl-2017, Busuttil kien tilef l-elezzjoni ġenerali b’distakk akbar minn dak li bih tilef l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista fl-2013.
L-istess Busuttil, li taħtu l-Partit Nazzjonalista daħħal l-iskema dubjuża taċ-ĊedoliPN, qal li l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti hi ħażina.
KARL BONACI: “Hemm il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.”
SIMON BUSUTTIL: “Veru liġi ħażina.”
Fl-intervista ta’ madwar siegħa u għoxrin minuta, Busuttil semma wkoll meta telaq minn Kap tal-Oppożizzjoni. Hu qal li kieku l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ qabel hu kien jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni.
“Jien tlaqt minn Kap tal-Oppożizzjoni, 16 minus 7, kemm jiġu … 9. Fid-9 ta’ Ottubru 2017.”
“Kieku dak ġara qabel jien irriżenjajt, kont nibqa’, mhemmx dubju.”
L-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil