Simon Busuttil irid li l-istazzjonijiet politiċi, il-ONE u n-NET jagħlqu l-bibien.
Dan qalu b’mod ċar f’intervista li fiha attakka lil ONE News, għax ma jaqbilx miegħu, imma anke qal li l-istazzjonijiet, inkluż dak tal-Partit Nazzjonalista, għandhom jagħlqu.
Qal, “Hi tajba din is-sistema li l-partiti jkollhom il-midja tagħhom. Fil-fehma tiegħi, f’pajjiżna ma ħadmitx.”
Lil tan-NET, inkluż, qalilhom li huma parti mit-tnawwir tal-fiduċja.
Qal, “Huma parti minn dik it-tnawwir tal-fiduċja li jien kont diġà qiegħed nispjega f’din l-intervista. Parti mir-responsabbiltà qiegħda fil-midja tal-partiti.”
Hu kompla jitkellem kontra l-istazzjonijiet politiċi.
Qal, “Ir-responsabbiltà hi ta’ sidhom, il-partiti.”
L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, imbagħad, saħaq li l-partiti għandu jkollhom l-ispazju mħallas mit-taxxi tal-poplu.
Qal, “Ma jistgħux ikollhom vuċi fuq stazzjonijiet pubbliċi li xorta nħallsu għalihom mit-taxxi tagħna.”
L-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista ilu b’rapporti ta’ diffikultajiet finanzjarji u sfidi biex iħallas lill-ħaddiema tiegħu.
Chris Peregin, li fetaħ il-Lovin’ Malta, kien beda kawża fil-Qorti biex jingħalqu l-istazzjonijiet politiċi.
Il-ħaddiema tal-Media.link kienu qajmu rebus sħiħ meta Chris Peregin kien ġie ingaġġat minn Bernard Grech bħala strateġista tiegħu qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali fejn ukoll ingħata pakkett ta’ eluf ta’ ewro.
Peregin irriżenja flimkien ma’ Ray Bezzina dakinhar tal-miġja tal-Papa f’Malta.
Issa jidher li qed jerġa’ jagħti palata lill-Kap Nazzjonalista fejn f’artiklu nhar Ħadd il-Għid faħħar il-kredenzjali ta’ Bernard Grech.
Artiklu ta’ Peregin, li wkoll ingħata prominenza kbira mill-midja Nazzjonalista.