Fl-aħħar jiem, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li huwa fiċ-ċentru tal-klikka estrema tal-Partit Nazzjonalista ngħata ħafna promozzjoni mill-partit li kien imexxi.
Huwa fatt magħruf li Busuttil huwa l-ħabib ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina, għalkemm sorsi qalu ma’ dan l-istazzjoni li Aquilina dejjem ikkalkula sew kif jiġi assoċjat ma’ Busuttil.
L-istess sorsi indikaw li dakhinar li Busuttil sar Kap fl-2013, Aquilina kien daħal warajh fis-sala tad-Dar Ċentrali, fejn immarka lilu nnifsu bħala l-poter propju tal-PN.
Karol Aquilina u Simon Busuttil kienu jemmnu li bil-kampanja tagħhom se jmorru tajjeb f’dawk l-elezzjonijiet u kienu se jnaqqsu d-distakk b’mod sostanzjali billi jattakkaw l-kredibbiltà tal-Gvern Laburista.
Iżda meta imbagħad ħareġ r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-2014 u ta rebħa b’distakk kbir favur il-Partit Laburista, Karol Aquilina ma baqax juri lilu nnifsu bħala il-poter wara t-tron ta’ Simon Busuttil. Anke jekk, skont sorsi, fejn qabillu Aquilina mexxa l-aġenda tiegħu u Busuttil baxxa rasu. Bħal meta kien tneħħa Chris Said minn Segretarju Ġenerali biex tpoġġiet il-kuġina ta’ Karol Aquilina, Rosette Thake.
Minn hemm kompla għaddej biex il-PN jibqa’ mmexxi mill-klikka estrema tiegħu. Ħadem biex jitneħħa Adrian Delia minn Kap u jitpoġġa Bernard Grech. F’dik il-kampanja, kemm il-darba inġieb Simon Busuttil biex jagħmel messaġġi kontra Adrian Delia għalkemm sorsi qalulna li Simon Busuttil ma tantx kien entużjast li jitpoġġa Bernard Grech bħala Kap.
Illum Aquilina reġa’ qed jiddeċiedi kollox u dan l-aħħar jidher li kien jaqbel li jerġa’ jinħareġ fil-pubbliku Simon Busuttil. Wieħed ma jistax ma jinnutax kemm l-estremisti fil-PN huma klikka magħluqa għax fid-diskorsi ifaħħru ħafna lil xulxin u bilkemm jirrikonoxxu lill-PN u l-Kap attwali tiegħu Bernard Grech.
Bernard Grech jidher li xejn ma jieħu gost b’dawn l-inkontri bejn membri tal-klikka estrema tal-PN mingħajr preżenza tiegħu. Sorsi qalulna li Grech għandu biża kbira li lilu wkoll qed jużawh u jekk ma jasalx fejn jaqbel lil din l-klikka, iwarrbuh.