L-intervista li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kellu fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali l-Erbgħa filgħaxija kompliet iżżid l-iskumdità għal Bernard Grech li kull ma jmur qed iħossu jintefa’ fid-dell ta’ wieħed mill-predeċessuri tiegħu.
Dan anke fid-dawl li l-fazzjoni ta’ Busuttil kienet l-istess waħda li tatu t-tmun tal-Partit f’idu u li issa għalhekk iħossu obbligat lejha.
Fl-intervista Simon Busuttil għamel twissija lil Bernard Grech.
Dan hekk kif meta mistoqsi dwar jekk il-Partit Nazzjonalista għandux ċans jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss huwa qal fattur ewlieni li ser jiddetermina dan huwa kif ser jimxi Bernard Grech.
Bir-riżultati f’żewġ stħarriġ fi tmiem il-ġimgħa juru li l-Partit Nazzjonalista għadu fl-istess ilma li kien fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, Simon Busuttil għażel li jkompli jitfa’ l-pressjoni fuq il-Kap Bernard Grech.
Sorsi qrib it-tmexxija Nazzjonalista qalu ma’ ONE News kif din id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil ittieħdet bħala twissija sottili sabiex Grech ikompli jimxi mal-linja tal-‘establishment’ li tah it-tmun.
Dan hekk kif din saret f’sinerġija mal-pressjonijiet interni li hemm fuqu minn deputati li bil-barka tal-establishment jiġbdu l-ispag.
Il-gazzetta l-Orizzont ukoll irrappurtat kif il-grupp ta’ deputati li jsejħu lilhom infushom bħala ‘blue heroes’ qed jużaw lill-eks Kap Simon Busuttil biex ikomplu jżidu l-kontroll fuq il-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.
Fid-dawl anki li Simon Busuttil qed ikun iżjed viżibli fil-midja, il-ġurnal l-Orizzont irrapporta li din qed twassal għal skumdità min-naħa tal-Kap Bernard Grech għax din is-sitwazzjoni qed tkompli timmina r-relevanza tiegħu fil-beraħ.
Intqal kif bħalissa Simon Busuttil qed jikkordina dehriet kontinwi fil-midja.
Fil-fatt qabel l-intervista li kellu fil-programm fuq l-istazzjon nazzjonali Busuttil kiteb fit-Times u anki kellu intervisti kontinwi fuq siti fejn il-‘blue heroes’ għandhom kuntatti tajbin.
Ir-rapport tal-Orizzont għalaq billi semma kliem il-Kap Bernard Grech nhar il-Ħadd li għadda, li biex xi ħadd li kisirha mal-fazzjoni, jidħol lura fil-Partit Nazzjonalista, l-ewwel irid jiġi rijabilitat.
Iżda din id-dikjarazzjoni, Bernard Grech kien kostrett jagħmilha għax il-fazzjoni li dejjem iddettat fil-Partit Nazzjonalista għamlitielu ċara li ma jistax jitfa’ t-tort għal dak li ġara qabel fuq min kien qed imexxi l-Partit Nazzjonalista.