Il-Kap caretaker tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, wieġeb lid-deputat Mario Galea li qallu biex jirriżenja ladarba jinħatar kap ġdid. Ir-risposta ta’ Busuttil kienet ċara u tonda. Se jżomm is-siġġu Parlamentari.
“Diġà weġibt li se nibqa’ membru Parlamentari,” qal Simon Busuttil li wara laqgħa mal-Awditur Ġenerali reġa’ tenna l-kritika lejn il-Gvern li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali.
Simon Busuttil kien mistoqsi wkoll dwar il-fatt li qed jibqa’ għaddej bil-kampanji fil-Qorti jitlob l-inkjesti u l-ġurnalisti nnotaw kif kontestanti għall-kap jaf għandhom ħsibijiet differenti.
Busuttil kien ċar: “Dik hi d-direzzjoni tiegħi. Jgħid x’jgħid kwalunkwe kandidat għat-tmexxija.”