L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kompla bil-pożizzjoni tiegħu, bħal dik tal-fergħa estremista Nazzjonalista, kontra l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ta’ pajjiżna.
Busuttil qal dan is-Sibt filgħodu waqt kollegament fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq ir-radju tal-Knisja.
“Għamiltha ċara li jiena kontra li tinbiegħ iċ-ċittadinanza.”
Simon Busuttil – Eks Kap Nazzjonalista
Din l-iskema kienet utli għal pajjiżna fl-aħħar għaxar snin, hekk kif pajjiżna daħħal mal-€1.4 biljun. B’dawn il-fondi, pajjiżna ffinanzja fost l-aktar kawżi ġusti, fosthom bħall-pagi tal-ħaddiema fi żmien il-pandemija u l-proġett ta’ Puttinu Cares f’Londra.
Simon Busuttil qal li għadu bl-istess opinjoni bħal meta hu kien Kap Nazzjonalista u ħadha qatgħa bla ħabel kontra din l-iskema.
Dan il-kumment tal-eks Kap Nazzjonalista fuq il-midja tal-Knisja ġie wara numru ta’ attakki mill-fergħa estremista Nazzjonalista fuq il-midja soċjali, wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea.
L-eks deputat tal-“Blue Heroes” u l-avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi fuq il-midja soċjali feraħ li hu, flimkien mal-istess Simon Busuttil, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u l-għaqda Repubblika, ingħataw raġun.
B’Jason Azzopardi kkonferma li hu u l-Partit Nazzjonalista attakkaw il-programm ta’ pajjiżna.
B’dawn l-attakki waslu biex infetħet kawża kontra Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li waslet għas-sentenza ta’ nhar it-Tlieta li għadda.
F’kitba separata, David Casa ftaħar li kellu raġun u imbagħad semma bosta esponenti tal-fergħa estremista Nazzjonalista. Magħhom żied ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola.
L-istess Metsola wkoll laqgħet is-sentenza tal-Qorti Ewropea kontra Malta. Qalet li ġie deċiż dak li kienet ilha taf.
Ma’ dawn, l-għaqdiet estremisti Nazzjonalisti, Repubblika u Occupy Justice, ħarġu stqarrijiet jifirħu bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.