L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, daħħal saqajh fl-Università ta’ Malta bħala lettur. Għalkemm sa issa beda t-tagħlim fi credit wieħed, one.com.mt hija nfurmata min-nies fil-fakultà tal-liġi li l-għan ta’ Simon Busuttil hu li jżid mas-sigħat li ngħata sa issa u saħansitra qed jipponta lejn karigi importanti f’dipartimenti li għandhom x’jaqsmu mal-liġi Ewropea.
Simon Busuttil qed jgħallem il-liġi tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea lil studenti li jridu jsiru avukati. Kien il-Prim Ministru, Joseph Muscat, li llejla saħansitra nnota dan il-fatt fil-parlament meta kien qed jitkellem fuq l-awtonomija tal-università fejn il-gvern ma jindaħalx u aħseb u ara kemm jindaħal f’istituzzjoni privata bħal AUM li ma jiffinanzjax hu kuntrarju għall-Università ta’ Malta.
L-Università għandha diversi fakultajiet, ċentri u istituti u dan is-sit huwa infurmat li Simon Busuttil kien qed jgħarrex biex jara kif se jidħol fi tnejn minnhom. Fejn minbarra l-fakultà tal-liġi, Simon Busuttil huwa interessat ukoll fl-Istitut għall-Istudji Ewropej fejn diġa’ kien eżaminatur.
Jirriżulta li fil-każ ta’ Simon Busuttil, kelliem tal-PN għall-good governance, ma kienx hemm sejħa biex hu reġa’ daħħal saqajh bħala lettur fl-università f’kors li l-koordinatur tiegħu hu ċertu Ivan Sammut. Anke jekk f’dan il-każ ma jkun sar xejn illegali, kien hemm min qal li kien sorpriż li Simon Busuttil ħa l-kariġa wara li tant jitkellem fuq governanza tajba u għamel attakk fuq għexieren ta’ persuni kkwalifikati għax forsi ngħataw ħatriet jew rwoli importanti mingħajr sejħa.
Iktar minn hekk jidher li l-post tiegħu fil-fakultà kien determinat mingħajr ma kienu kkonsultati uffiċċji oħra importanti fl-istess istituzzjoni edukattiva. Simon Busuttil qed ifittex skopijiet ġodda f’ħajtu wara li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar telfa elettorali fl-istorja.
Saħansitra kien injora talbiet diversi mill-Partit Nazzjonalista biex iwarrab mimm membru parlamentari bil-għan li jagħti spazju lill-Kap il-ġdid. Fl-aħħar xhur saru wkoll diskussjonijiet dwar jekk għandux ikun kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bil-għan li jsib ruħu bħala MEP.
Fil-fatt, il-mod kif iġib ruħu fil-parlament u l-persistenza tiegħu fl-attakki kontinwi fuq il-gvern u esponenti tiegħu huma indikjazzjoni ċara oħra li Busuttil huwa mħajjar jikkontesta din l-elezzjoni, li se tkun qed issir f’Mejju tas-sena d-dieħla.