Stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista
Intervista li ta l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil lill-ġurnal The Sunday Times tkompli tikkonferma li għal Simon Busuttil il-kelma verità lanqas biss jaf fejn qegħdha fid-dizzjunarju.
F’intervista dwar il-finanzjamament tal-Partit tiegħu, Simon Busuttil għażel li jwarrab min-nofs il-verità u jkompli jigdeb bl-iktar mod sfaċċat biex jgħatti l-illegalitajiet li jsiru fil-Partit immexxi minnu.
Simon Busuttil gideb b’mod sfaċċat meta qal li d-donazzjonijiet illegali li qabżu l-mijiet ta’ eluf li rċieva l-Partit Nazzjonalista mingħand il-Grupp DB kienu minħabba “relazzjoni kummerċjali” mal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista.
Kien Simon Busuttil innifsu li talab id-donazzjonijiet u ħareġ bi skema ta’ invoices fittizji. Ilum nafu wkoll li hemm sorsi oħra ta’ donazzjonijiet.
Fil-każ tal-Grupp DB, li huwa d-donatur innifsu, huwa ċaħad li dan kien il-każ ta’ relazzjoni kummerċjali u qal li d-donazzjonijiet kienu ntalbu mill-Partit Nazzjonalista stess biex ikopri L-pagi tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv.
L-agħar gidba hi pero’ meta Simon Busuttil qal li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti ma tapplikax għal kumpaniji kummerċjali. L-ewwel paġna tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti tgħid eżatt bil-maqlub:
Donazzjoni tfisser kull benefiċċju riċevut fir-rigward tal-attivitajiet jew il-funżjonijiet ta’ partit politiku, minn jew f’isem partit politiku, minn membru ta’ partit politiku, minn kandidat jew minn xi organizzazzjoni, kemm jekk tkun korporata jew le li fiha l-partit politiku, direttament jew indirettament jezerċita amministrazzjoni effettiva u kontroll.
Simon Busuttil huwa falz u meta jinqabad dahru mal-ħajt jigdeb. Flok jibqa’ għaddej bil-gideb, Simon Busuttil għandu jippubblika l-invoiceskollha bejn il-mezzi tax-Xandir tal-Partit Nazzjonalista u DB Group u jikkoopera mal-Kummissjoni Elettorali fl-investigazzjoni li qed tagħmel dwar l-illegalitajiet li saru mill-Partit tiegħu.