Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qed jibbaża l-politika tiegħu fuq l-ħabiba tiegħu Daphne Caruana Galizia, li hija frodista tal-verità. Fejn biex toħloq storja dwar il-Prim Ministru kellmet whistleblower li qed taffaċċja akkużi kriminali dwar frodi.
Dan qalu d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona waqt konferenza tal-aħbarijiet mtella’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Hu kompla billi qal li f’dawn l-aħħar għaxart ijiem ġie ffurmat ‘frame up’ dwar l-familja tal-Prim Ministru fejn Busuttil huwa ddisprat, perikoluż u rresponsabbli.
Cardona nnota wkoll kif kien dan il-Gvern li ta l-protezzjoni tal-whistleblower.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Beppe Fenech Adami, li kien taħt inkjesta ta’ tliet Imħallfin.
Hu semma wkoll lil Jason Azzopardi, li qed jiffaċċja l-kundanna tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-każ tal-Lowenbrau u li fix-xhur li ġejjin hemm jistennih rapport ieħor.
Semma wkoll kif għaddew 54 jum minn meta l-Partit Laburista talab lil Simon Busuttil biex jippubblika l-invoices foloz tad-DB, fejn s’issa dan għadu ma ppublika xejn.
“Busuttil huwa perikoluż għall-ekonomija, għall-pajjiz u għall-futur tal-pajjiż, dan wara li pprova joħloq instabbiltà,” temm jgħid Zammit Lewis.