Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għandu mingħajr aktar telf ta’ ħin jikkundanna l-kandidat tiegħu Ryan Mercieca. Mercieca lbieraħ ma staħa xejn jhedded persuna fil-Qorti li kien qed jixhed kif huwa qatt ma ngħata d-dokumenti oriġinali ta’ proġett li miegħu hemm marbuta fondi Ewropej u li dwarhom hemm allegazzjoni li Mercieca seta’ kien involut f’xi taħwid b’rabta mal-istess fondi kif irraportat il-gazzetta, ‘It-Torċa’.
Fi stqarrija, l-Partit Laburista saħaq li Busuttil m’għandux jibqa’ b’ħalqu magħluq quddiem kandidat tiegħu, li qiegħed jimbotta tant, li qed jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq persuna biex ma tikxifx il-verità.
“Huwa tassew ta’ għajb li l-persuna li trid tagħmilha ta’ judge & jury fuq kollox u fuq kulħadd, jibqa’ ma jagħmel xejn quddiem każ bħal dan u każijiet oħra bħal ta’ Jason Azzopardi li jinsab maqbud fl-iskandlu tal-Lowenbrau,” qal il-Partit Laburista.
Huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda kontroll fuq il-kandidati tiegħu, li wħud jheddedu n-nies fil-Qorti u oħrajn jgħidu li, “il-poplu Malti u Għawdxi huwa njorant”, fost affarijiet oħra.