Lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet ewforiċi għax baqa’ fl-Oppożizzjoni, Simon Busuttil jibqa’ ma joffri ebda joffri sustanza għall-familji. Huwa interessat biss li jiġġieled u jitgħajjar, bl-istess arroganza li kien juri qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija. Qal ukoll li n-negattività tispikka f’Simon Busuttil. Filwaqt li jogħrok idejh dwar il-ħaddiema tal-Actavis li grazzi għall-ekonomija b’saħħitha se jiġu asorbiti f’postijiet tax-xogħol oħra, ma jsemmi ebda kelma dwar id-De La Rue li, bil-kontra tax-xewqa tiegħu u tat-tbassir żbaljat li għamel, se tibqa’ f’Malta u tkabbar l-operati tagħha.
Għal konvenjenza politika Simon Busuttil jippriedka fuq in-nies vulnerabbli. Jaħseb li n-nies se jinsew li, meta hu kien f’pożizzjoni li jwettaq, għolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ġiet intaxxata l-paga minima u l-pensjonijiet baqgħu ffriżati.
Illum Simon Busuttil reġa’ kkonferma wkoll li fil-qasam tas-saħħa, kieku għalih, iħalli kollox kif ħallih il-Gvern preċedenti li kien jagħmel parti integrali minnu, bi sptarijiet mitluqa u abbandunati, u b’listi esaġerati ta’ stennija għall-operazzjonijiet.
L-establishment elitist tal-Kap Nazzjonalista jibqa’ jemmen li għandu dritt divin li jmexxi lill-pajjiżna. Imma l-familji jafu li l-unika garanzija li jista’ jagħti Simon Busuttil huwa li jreġġa’ l-arloġġ lura, temm jgħid il-Partit Laburista.