Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali tgħid li malli ġie ppubblikat ir-rapport tar-regolatur indipendenti li kkonferma kemm il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment qed iwassal għal suċċess bla preċedent f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni nħakem minn disprament politiku.
L-istqarrija tgħid li Simon Busuttil ma felaħx jisma’ li Malta diġà daħlet iktar minn 300 miljun ewro mill-investituri ta’ reputazzjoni li ġew attirati lejn pajjiżna u li ħafna minn dan il-ġid qed imur fil-fond nazzjonali li se joħloq proġetti soċjali għal benefiċċju ta’ kulħadd. Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni beda jivvinta stejjer ġodda dwar gideb u ksur ta’ liġi.
“Il-verità hija li, fuq dan il-programm, il-Gvern ma ħareġ ebda kapital u, wara proċess kompetittiv u miftuħ, għażel lill-kumpanija Henley and Partner’s biex tieħu t-tmexxija tal-applikazzjonijiet f’idejha abbażi ta’ ħlasijiet leġittimi. B’differenza minn dak li kien jagħmel Gvern preċedenti b’kuntratti importanti, il-kuntratt bejn il-Gvern u Henley and Partner’s ilu xhur li ġie ppubblikat, impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra u diskuss fil-Parlament inkluż bix-xhieda tal-Ministru Bonnici,” kompliet tgħid.
Il-Ministeru u l-Gvern lokali qal li dan sar għaliex m’hemm xejn x’jinħeba. Ir-regolatur indipendenti, li kien fdat minn Gvernijiet preċedenti bħala Kap tal-Kummissjoni Elettorali, faħħar il-mod serju li bih qed jaħdem il-Gvern, b’sistemi sofistikati ta’ skrutinju u verifika mfissra mir-regolatur bħala inkoraġġanti u indikazzjoni ċara tas-suċċess enormi tal-programm.
Huma qalu li dan imur għal kollox kontra l-biża’ li ppruvat tnissel l-Oppożizzjoni. Għamlet tliet snin tgħid li b’dan il-programm il-Gvern qed ibigħ lil Malta imma r-realtà uriet li pajjiżna attira investituri ta’ potenzjal qawwi. Issa li spiċċawlha l-argumenti negattivi kollha, l-Oppożizzjoni se tipprova tivvinta attakk ġdid biex tipprova tkisser u tħammeġ.
Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment sab l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tar-regolatur indipendenti, tal-140 aġent li qed jieħdu sehem fih, u tal-persuni ta’ saħħa globali li jipparteċipaw fis-suċċess ta’ pajjiżna. L-unika vuċi iżolata kontrih tibqa’ dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni, huma qalu fl-istqarrija.
L-stqarrija temmet tgħid li Simon Busuttil irid ireġġa’ l-arloġġ lura.