Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ kull jum li jgħaddi qed iżid mal-lista ta’ istituzzjonijiet li qed jattakka u persuni li jrid ikeċċi. Illum addirittura kompla bl-attakk fuq il-Kummissjoni Elettorali minkejja li nofs l-istess kummissjoni hija komposta minn membri appuntati minnu. Id-disperament tiegħu issa wasslu ukoll biex jipprova dubbju fuq il-proċess elettorali u r-rizultat tal-ġudizzju tal-poplu. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
L-istqarrija tgħid li f’dawn l-aħħar jiem Simon Busuttil attakka b’mod oxxen lill-Avukat Ġenerali, l-Awtorità tax-Xandir, u ċ-Ċivil, fejn qal li minn mhux dispost ibaxxi rasu għalih, jkeċċih.
Dan mhux diskors den tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Mhux diskors den ta’ min jaspira li jmexxi u jgħaqqad pajjiż, qal il-PL.
Il-Partit Laburista qal li dan il-pajjiż għandu ħafna sfidi quddiemu, imma problema waħda – Simon Busuttil. Il-futur ta’ pajjiżna jista’ biss jkun wieħed tajjeb jekk ningħaqdu flimkien bħala poplu u naħdmu b’serenità u d-determinazzjoni. Simon Busuttil huwa theddida għal dan kollu.
Il-PL temm jistaqsi “Timmaġinah Prim Ministru?”