Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil ser jagħmel dimostrazzjoni fuq xi ħaga li ma teżistiex u li skont kif qal hu stess fix-xandir pubbliku hija sekondarja. F’dibatitu mal-Prim Minsitru Joseph Muscat u minn mindu ħarġet l-istorja mimlija gideb fuq Egrant, Simon Busuttil tefa’ t-tajn mingħajr qatt ma wera prova waħda.
Il-PL qal li sal-bieraħ Busuttil kien qed jgħid li kien hemm bagalja fiha s-suppost provi minn ġo safe, iżda imbagħad sar magħruf li dan is-safe qatt ma eżista u l-verżjoni nbidlet lis-suppost provi tneħħew sena ilu meta xorta baqgħu jingħataw verżjonijiet differenti.
L-unika dokument awtentiku li ġie ppublikat illum hu minn naħa ta’ Brian Tonna li juri iswed fuq abjad li din il-kumpanija hija tiegħu.
L-istqarrija tgħid kif Simon Busuttil daħħal lilu nnifsu u lil Partit Nazzjonalista fi sqaq għax intrabat mal-gideb ta’ seħbitu Daphne Caruana Galizia.
Temmet tgħid li Joseph Muscat daħħal lil pajjiżna fi triq ta’ surplus, fi triq li minn għada ma nibqgħux nużaw il-heavy fuel oil, fi triq li għolejna l-pensjonijiet, fi triq li naqqasna il-faqar bin-nofs u fit-triq li għandna l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.